RIP Daphne Caruana Galizia

Meta smajt bil-mewt traġika ta’ Daphne Caruana Galizia l-ewwel ħsieb tiegħi mar fuq uliedha. Hi bniet isem għaliha nfisħa bħala ġurnalista – xi ħadd li żvelat skandlu wara skandlu. Xi ħadd li ħarġet għonqha biex qasmet dak li kienet sabet. Stajna ma qbilniex ma dak kollu li qalet madankollu kellha d-dritt li tgħidu. Però Daphne ma kenitx biss ġurnalista imma aktar importanti minn hekk kienet omm. Omm li ġġieldet għal dak li emmnet li kien tajjeb u bħala omm jien naqsam l-istess ħsibijiet tagħha dwar fejn spiċċa pajjiżna. Kif wasal s’hawn? X’sar mil-libertà tal-espressjoni? Għalfejn il-mogħdijiet għall-ġustizzja tbabsu? Dan hu dak li rridu għal pajjiżna u għal uliedna?

Dan hu mument ta’ dwejjaq kbar għalina lkoll, l-istess dwejjaq li jitnisslu fija fil-mument li nħoss dexa meta nħares lejn ibni ta’ 3 snin u nirrealizza li b’dak li ngħid jista’ jfisser li qed nirfes lil xi ħadd. Nemmen li b’xi mod irridu nsibu l-kuraġġ biex ma niġux immutati u għandna d-dmir li naħdmu biex ikollna d-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni lura. Mingħajr dewmien.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *